Min Iħaddem
Min iħaddem ikun kontributur ewlieni għal soċjeta’ inklussiva.
Il-Fondazzjoni Lino Spiteri tagħti appoġġ lil min iħaddem biex jippromwovi l-impjieg ta’ persuni b’ diżabbiltà. Biex nagħmlu dan, il-fondazzjoni tagħna tikkorrelata mal-kumpaniji biex tifhem ir-rekwiżiti tagħhom u flimkien nesploraw l-opportunitajiet ta’ xogħol. Meta kumpanija tkun interessata li timpjega persuna b ’diżabbbiltà, il-fondazzjoni tagħti l-għajnuna tagħha mill-ewwel.
Ir-riferimenti jsiru skont l-opportunità ta’ xogħol li jkun hemm, bil-għan li tinstab il-persuna adatta. Wara jingħata appoġġ waqt il-proċess tal-bidu tal-impjieg kif ukoll matul l-impjieg kollu tal-individwu fi ħdan il-kumpanija.
Is-servizzi offruti lil kumpaniji privati mit-Taqsima tar-Relazzjonijiet Korporattivi jinkludu:
- Tagħrif tax-xogħol
- Appoġġ għal servizzi ta’ reklutaġġ
- Appoġġ fuq il-post għal persuni impjegati b’diżabbiltajiet
- Appoġġ għall-applikazzjoni ta’ skemi u inċentivi oħra
- Segwitu tal-appoġġ
Tista’ tikkuntattja l-uffiċċji tagħna fuq 2220 1761 għal aktar informazzjoni.

L-għan tagħna huwa li nipprovdu appoġġ kontinwu u nżommu relazzjoni tajba mal-partijiet kollha involuti biex niżguraw li l-esperjenza tkun waħda li tħalli l-frott kemm għal min iħaddem kif ukoll għall-impjegat.
Benefiċċji u Skemi Addizzjonali
Min iħaddem jista’ jagħmel użu mill-iskema Bridging the Gap. Din l-iskema tfasslet biex tappoġġja persuni b’diżabbiltà fil-perjodu ta’ tranżizzjoni mill-qgħad għall-impjieg. Tippermetti lil min iħaddem sabiex jevalwa l-ħidma ta’ persuna b’diżabbiltà fuq il-post tax-xogħol, qabel il-bidu tal-impjieg tagħha mal-kumpanija.
Persuna li timpjega lil xi ħadd b’diżabbiltà tkun eżentata milli tħallas is-sehem tagħha tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali għal dak l-impjegat. Tkun eliġibbli wkoll li titlob inċentiv fiskali ta’ 25% tal-paga bażika tal-persuna b’ diżabbiltà sa massimu ta’ €4,500 għal kull persuna.
Min iħaddem jista’ jibbenifika wkoll mill-iskema Access to Employment (A2E). Dawk li jibbenifikaw mill-iskema mhux se jkunu eliġibbli biex jibbenifikaw mill-inċentiv fiskali msemmi aktar ’il fuq.
Obbligi Legali
Mill-2015, il-kwota ta’ 2% ġiet infurzata għall-kumpaniji li jimpjegaw aktar minn 20 impjegat. Dan ifisser li 2% tal-ħaddiema jridu jkunu persuni b’diżabbiltà. Minbarra l-appoġġ li toffri l-LSF, qed jiġu offruti wkoll numru ta’ inċentivi li min iħaddem jista’ japplika għalihom. Dawn għandhom l-għan li jgħinu lill-kumpanija fir-responsabbiltà li għandha sabiex toħloq post tax-xogħol aktar inklussiv. Għal aktar informazzjoni rigward l-obbligi legali tal-kumpanija tiegħek jekk jogħġbok ikklikkja hawn.